Il-ħatra ta' Lou Bondi fil-bord dwar l-anniversarji tal-festi nazzjonali ma tantx niżlet tajjeb għal xi wħud.
Minn dak li osservajt in-nies huma iktar ikkonċernati b'din il-ħatra għax Lou Bondi kien il-porta vuċi tal-PN.
Minix se nidħol f'dawn il-kwistjonijiet tal-faqar mentali għax teknikament ftit jimpurtani mill-kuluri tal-partiti politiċi. Mhux it-tip ta' diskussjoni li nħobb nidħol għaliha għax il-Politika f' Malta tant hi partiġġjana u tribali li naraha l-epitoma tal-medjokrità, l-abort tal-innovazzjoni, u l-ġenoċidju tal-imħuħ.
Ħadd ma staqsa dwar il-kapaċità tal-persuni maħtura fil-bordijiet. Ta' min wieħed ifakkar li dan il-bord hu dwar avvenimenti passati, voldieri jirrikjedi naqra analiżi kritika, storika, oriġinali. Però meta irriċerkajt sew sibt li dan il-bord maħtur se jorganizza l-attivitajiet marbuta mal-anniversarji tal-'festi nazzjonali' fosthom: l-indipendenza, ir-Repubblika, il-ħelsien fost oħrajn. In-nies l-oħra bħal Ġanni Zammit, eċċ għandhom ħiliet organizzattivi safejn naf jien.
Ħadt gost li rajt persuna intelletwali bħal Professur Oliver Friggieri. Nittama li fuq din kulħadd jaqbel.
Minn din l-aħbar tal-bord maħtur għadni ninkwieta serjament fejn f' Malta, il-gżira meqjusha bħala 'Nazzjon' f'nofs il-mediterran, għad baqa' ħafna nies li għadhom li jaħsbu bil-mentalità msejkna tal-kulur politiku. Ftit jafu li dawn il-kuluri huma l-illużjoni u l-bastun fir-rota biex l-affarijiet ikunu inqas produttivi.