Monday, 17 June 2013

'Tistgħu tgħiduli x'qiegħed jiġri hawnhekk?'

Il-ħatra ta' Lou Bondi fil-bord dwar l-anniversarji tal-festi nazzjonali ma tantx niżlet tajjeb għal xi wħud.

Minn dak li osservajt in-nies huma iktar ikkonċernati b'din il-ħatra għax Lou Bondi kien il-porta vuċi tal-PN. 

Minix se nidħol f'dawn il-kwistjonijiet tal-faqar mentali għax teknikament ftit jimpurtani mill-kuluri tal-partiti politiċi. Mhux it-tip ta' diskussjoni li nħobb nidħol għaliha għax il-Politika f' Malta tant hi partiġġjana u tribali li naraha l-epitoma tal-medjokrità, l-abort tal-innovazzjoni, u l-ġenoċidju tal-imħuħ.

Ħadd ma staqsa dwar il-kapaċità tal-persuni maħtura fil-bordijiet. Ta' min wieħed ifakkar li dan il-bord hu dwar avvenimenti passati, voldieri jirrikjedi naqra analiżi kritika, storika, oriġinali. Però meta irriċerkajt sew sibt li dan il-bord maħtur se jorganizza l-attivitajiet marbuta mal-anniversarji tal-'festi nazzjonali' fosthom: l-indipendenza,  ir-Repubblika, il-ħelsien fost oħrajn. In-nies l-oħra bħal Ġanni Zammit, eċċ għandhom ħiliet organizzattivi safejn naf jien.

Ħadt gost li rajt persuna intelletwali bħal Professur Oliver Friggieri. Nittama li fuq din kulħadd jaqbel.

Minn din l-aħbar tal-bord maħtur għadni ninkwieta serjament fejn f' Malta, il-gżira meqjusha bħala 'Nazzjon' f'nofs il-mediterran, għad baqa' ħafna nies li għadhom li jaħsbu bil-mentalità msejkna tal-kulur politiku. Ftit jafu li dawn il-kuluri huma l-illużjoni u l-bastun fir-rota biex l-affarijiet ikunu inqas produttivi.


Saturday, 18 May 2013

Lil hinn mill-'Eurovision'.


Osservazzjoni interessanti dwar kif il-Maltin jaġixxu lejn il-Eurovision u anke bejn xulxin fi zmien dan il-festival. Fuq analiżi kollettiva ta' soċjetà żgħira, titnaffar sew il-ħakma 'bi-tribali' f'dan il-perjodu. Il-Kultura tat-tribù imdorrijin sew fiha f'kull qasam, anke f' suppost attivitajiet spiritwali.

L-element t' individwu jitneħħa għal kollox u jekk tagħti ħarsa sew lejn kull min iħobb dan il-festival (jien eskluż) xorta waħda jagħti l-appoġġ tiegħu lil Malta alavolja l-kanzunetta personalment ma tkunx togħġbu. Forsi jsir għaġeb żejjed ukoll fuq il-konkors, iżda dan imur iktar lil hinn minn altru 'għaġeb'. Bħala konkors fih innifsu ma fih valur ta' xejn għajr doża żgħira ta' divertiment jew inkella pedestall f'uq livell internazzjonali. Dan il-festival huwa magħruf mal-komunità LGBT fl-Ewropa, iżda fil-każ ta' Malta dan ma jistax japplika wisq.

L-effett ta' pajjiż żgħir li jrid isib l-għaqda f'xi għan komuni tidher evidenti. Il-Maltin forsi huma ftit kapaċi jingħaqdu fil-politika jew diskussjonijiet li jirrikjedu ċertu maturità u lenti analitika sew. Għaldaqstant il-kwalità unifikanti fil-poplu Malti qiegħda hemm f' xenarju bħal dan tal-Eurovision. L-argument li jinħoloq hawn hu jekk f' affarijiet oħra dan il-poplu hux kapaċi jingħaqad u mhux fuq sempliċiment ġabra ta' flus tal-istrina jew xi maratona.

Il-Maltin biex jingħaqdu jrid ikun hemm bażi tajba fuq xiex tkun mibnija dik l-għaqda. Infatti l-problemi politiċi u kulturali li għandna qegħdin hemm għax ma sibniex il-bażi fuq xiex nibnu l-għaqda. Il-kaos psiko-soċjali li ninsabu fih, fejn bħala poplu għadni rrid nifhem x'inhi d-direzzjoni tal-identità ta' Malta, tal-Maltin u jekk fuq kollox għandniex l-abilitajiet meħtieġa għal stat Nazzjon maqgħud. Bħala poplu diffiċli niddentikfikaw ruħna u dan sforz it-tabù li ħloqna aħna stess li kif nitkellmu fuq in-natura politika kontemporanja lesti li nibdew nittimbraw kull timbru immaġinabbli lil kull individwu li mhux qiegħed fil-linja tal-ħsieb tagħna.

L-istorja u l-qagħda ġeo-politika tagħna bħala gżira żgħira dejjem kolonizzata, maħkuma u fuq kollox maqsuma tista' twassal għal xi konklużjonijiet li jirrikjedu dibatiti serji ħielsa.

Tuesday, 14 May 2013

65 years

Far from the speculative nature that has characterised the Arab-Israeli debate, and the media's anti-Israeli bias, today the state of Israel commemorates its 65 years of existence.

I suggest to take a look  in history books related to the subject, be analytical, and frame your own opinions rather than than watching videos or news portals that can hinder your intellectual progression and can lead you to vague and ambiguous conclusions. Above all, be open to discussion.

Saturday, 4 May 2013

Forza politika ġdida

Nemmen li wasal iż-żmien li l-poplu jorganizza ruħu u jitqajmu kwistjonijiet li qed jiġu mitfugħa taħt it-tapit. Sistema politika li rajniha tmajna sew għal dawn l-aħħar snin. 

Jeħtieġ forza politika ġdida li tagħti vuċi u rappreżentanza xierqa lil individwi u gruppi ta' nies ta' rieda tajba.



Tuesday, 30 April 2013

Kull min hu kontra l-immigrazzjoni huwa razzist?

Mhux l-ewwel darba li fis-soċjetà tagħna naqbdu xi kelma u ndawruha kif jaqbel lilna kif ħafna nies jagħmlu bil-bibbja jew xi ktieb imqaddes ieħor.

Il-kelma 'razziżmu' hi waħda minn dawn il-kliem li qed tiġi abbużata u min jużaha wisq probabbli lanqas jaf għalxiex qed jirreferi eżatt. Jekk naqbdu mal-każ tipiku Malti, fejn għandek gżira tmenin darba iżgħar minn Sqallija u seba' u għoxrin darba iżgħar minn Ċipru, nippretendu li l-Malti, cioè dak li jgħix fuq din il-gżira ma jurix it-tħassib tiegħu fuq nies li deħlin fuq gżira kemm b'mod legali u anke b'mod illegali.

Naħseb irid ikollok ftit melh f'moħħok biex tintebaħ li fuq gżejjer żgħar l-immigrazzjoni mhiex xi ħaġa produttiva. Gżira fiha l-limitazzjonijiet, ir-riżorsi u ħiliet  partkolari tagħha. 

Pajjiż fejn huwa t-tielet l-aktar pajjiż mifqugħ bin-nies fid-dinja u nippretendu li l-ebda persuna ma turi l-ħsibijiet tagħha fuq dan. Id-diversità u li titgħallem minn kulturi differenti  fiha s-sabiħ tagħha, anzi jien wieħed li nikkontribwixxi għal dan. Imma jien ma ngħix biss fis-sħab, imma nuri n-naħa realistika tas-soċjetà.

 L-Immigrazzjoni f'ammont abbundanti ma tistax issarraf f'xi ġid meta taf li n-nies nattivi qegħdin juru l-frustrazzjoni tagħhom u agħar minn hekk ħadd ma jismagħhom. Mhux talli ma nisimgħuhomx imma nuru ċertu qżież kultant jew anke 'bullying' billi nużaw il-kelma 'razziżmu' fil-konfront tagħhom.

Fil-verità kemm hawn min jaf xi tfisser 'razziżmu' jew inkella jġibilna xi eżempji tal-kelma?

Friday, 19 April 2013

L-Ewropa trid 'bailout'.


L-ċirku vizzjuż minn pajjiż għal ieħor Ewropew li jrid għajnuna finanzjarja ġie fenomenu komuni ħafna. Mill-Portugall sa Ċipru, mill-Italja sal-Irlanda u xi kultant nismgħu wkoll fuq l-Islovenja, il-Lussemburgu u Franza.
Jekk dan l-effett vizzjuż se jibqa’ hemm ma nieħu xejn kbir li xi darba l-UE kollha tkun trid dan il-‘bailout’. Ovvjament kollox finanzjat mill-Ġermanja.

Iċ-ċittadini Ewropej m’għandhomx għalxiex jiġu kkastigati għall-iżbalji li saru mill-banek u l-gvernijiet irresponsabbli. L-UE mhux qed tipprattika dak li hi stess qiegħda tippriedka. Għandna UE li qiegħda tiffinanzja proġetti għall-ugwaljanza u tippromwovi Ewropa demokratika, iżda fl-istess ħin hi l-UE li toħroġ b’din il-politika inġusta, anti- demokratika u fuq kollox inugwali.

Ma jidhirx li l-għan għal Ewropa federali u maqgħuda qiegħed fil-verità jseħħ. L-ewwel nett kemm l-Ewropa hi eliġibbli li ssir bħal l-istati Uniti tal-Amerika naraha ftit assurda jekk mhux ukoll impossibbli. Hemm temi kulturali, storiċi u antropoloġiċi biex wieħed jidħol f’dan. Imma l-fatt jibqa’ li l-Ewropa iktar riesqa lejn super stat fejn il-poter ikun ċentralizzat f’pajjiż jew reġjun partikolari wieħed.

In-nies tan-naħa t’isfel tal-Ewropa qegħdin iħossu din l-inġustizzja li qiegħda ssir fuqhom. Rajna l-każ riċenti f’ Ċipru fejn il-Ġermanja riedet tiddetta hi kif issir il-politika monetarja, u kif Ċipru toħroġ mill-problemi. Huwa minnu li l-Ġermanja għandha avvanz ekonomiku u teknoloġiku qawwi imma din hi l-Ewropa maqgħuda li rridu nibnu? Waħda b’bażi ta’ kapitaliżmu ekonomiku?

Id-dinamiċità tal-poplu Ewropew, l-istorja u l-identità li sawritu, il-kultura u d-diversità tal-lingwi Ewropej imorru oltre mill-materjaliżmu, l-ekonomija monetarja u fuq kollox l-inġustizzji marbutin ma’ dan kollu.

Saturday, 13 April 2013

Żvilupp perikoluż


Ħafna jġibu l-argument li l-ideoloġija spiċċat. Iżda kemm dan huwa minnu għandi r-riservi tiegħi. B’ħasra l-politika lokali hija nieqsa mid-direzzjoni ideoloġika u daħlet f’ċirku vizzjuż għal karba popolari. Bħala pajjiż ma nistgħux naffordjaw innaqqsu l-ideoloġija, għax m’hemmx ħafna partiti fejn tifrex. Jekk irridu nibqgħu fil-qasma ta’ żewġ partiti tal-anqas nippretendi li jkonna livell matur ta’ politika. Lanqas dan mhu qed iseħħ.

Huwa żvilupp li qegħdin nonqsu sew fih biex inkattru l-kultura tal-ideat politiċi. Nagħtu ħarsa x’qiegħed jiġri fl-Ewropa mhu veru xejn li l-ideoloġija spiċċat. Il-Partiti fuq livell Ewropew dejjem qed ikattru l-ideat u ħabba f’hekk qegħdin jinħolqu fazzjonijiet differenti tal-ideoloġija.

L-ideoloġija mhux xi qżież biex nidhru intelletwali imma mezz biex tagħtina direzzjoni u għan konkret. Iż-żewġ partit politiċi ewlenin; Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista warrbu għal kollox l-ideolġija u qegħdin jersqu viċin xulxin. Jekk dan jiġi mqabbel mal-kumplament tal-Ewropa ma fih xejn straordinarju għax il-Partiti ewlenin dejjem qed jersqu lejn iċ-ċentru. Iżda b’differenza mal-Ewropa, f’ Malta għandna vacuum qawwi ta’ partiti u diversità politika. Li qed jiġri hu li l-partiti f’ pajjiżna spiċċaw żewġ forzi ta’ pika u t-timbru x’jagħmel wieħed ‘Laburist’ u ‘Nazzjonalist’ huwa biss duħħan li ma jfisser xejn, għajr li tkun parti minn grupp ta’ nies li qiegħed f’pika mal-partit tan-naħa l-oħra.

Jekk nagħtu ħarsa l-elezzjonijiet ta’ dawn l-aħħar erbgħin sena (1971-2013) evidentiment naraw in-nuqqas ta’ diversità u l-pluraliżmu politiku. Għaliex?

Bażikament, il-medja f’ Malta hi li gvern jinbidel darba kull għaxar snin.

·         1971 sal-1987- Partit Laburista
·         1987 sal-1996- Partit Nazzjonalista
·         1996 sal-1998- Partit Laburista
·         1998 sal-2013- Partit Nazzjonalista
·         2013 – Partit Laburista.

Jekk bidla qiegħda sseħħ darba kull għaxar snin, b’maġġoranżi kbar fil-Parlament (kif għandna issa), u l-ebda vuċi oħra ma tidħol fil-parlament ilna nilagħbu logħba kerha fid-demokrazija tagħna għal diversi snin. Inqasna sew milli noħolqu politika ta’ djalogu, politika ta’ kunsens u t’ għaqda, u agħar minn hekk kissirna l-iżvilupp tal-ideoloġija politika. B’dispjaċir ngħid li dan l-argument li “l-ideoloġija spiċċat” Malta biss nisimgħu, u mkien f’madwar l-Ewropa u saħansitra xi rokna oħra fid-dinja ma jindika li dan hu minnu.

Is-sejħa ta’ moviment ta’ Joseph Muscat tinstema sabiħa iżda dan mhu xejn ġdid. F’ Malta kull min rebaħ elezzjoni dejjem kien hemm xi forma ta’ moviment. Iżda jekk bl-iskuża tal-moviment irridu nkissru l-ideat u d-diversità t’ideat li suppost qegħdin inkattru nkunu qegħdin nidħku bina nfusna. L-għaqda hi sabiħa imma trid tkun mibnija fuq valuri ta’ solidarjetà u rikonċiljazzjoni u mhux fuq l-ideat differenti.

Apparti dan il-Partit Nazzjonalista donnu jrid jagħmel minn kollox biex isir kopja tal-Partit Laburista u flok jara kif għandu jkun differenti u li joffri alternattiva b’differenza, se jaqbad mal-punti b’saħħithom tal-Partit Laburista u se jibni fuqhom. Jekk l-għajta għal-liberaliżmu hi popolari, il-PN għandu jara kif joħloq alternattiva għal dan il-liberaliżmu sfrenat, u mhux isir liberali hu. Din hi prova ċara li nqasna sew fl-ideoloġija politika, u l-klassi Politika saret biss fazzjoni ta’ nies mibnija fuq pika, nuqqas ta’ analiżi u qed ikomplu jiżirgħu żerriegħa li eventwalment se tikber f’siġra li tagħti l-frott tagħha fit-tribaliżmu.

L-Alternattiva Demokratika ħobbhom jew obgħodhom imma tal-inqas żammew mal-prinċipji tagħhom. Żammew mal-konsistenza politika, ta’ direzzjoni u t’ għan komuni. Mingħajr biża esprimew ruħhom ,anke fi kwistjonijiet li għadhom taboo u ta' dan kollu għandhom jieħdu l-mertu.

Sunday, 7 April 2013

Avviż

Dan il-blog huwa temporanjament magħluq għax qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji biex ikun funzzjonabbli mill-ġdid.

07/04/2013

K