Il-kelma 'razziżmu' hi waħda minn dawn il-kliem li qed tiġi abbużata u min jużaha wisq probabbli lanqas jaf għalxiex qed jirreferi eżatt. Jekk naqbdu mal-każ tipiku Malti, fejn għandek gżira tmenin darba iżgħar minn Sqallija u seba' u għoxrin darba iżgħar minn Ċipru, nippretendu li l-Malti, cioè dak li jgħix fuq din il-gżira ma jurix it-tħassib tiegħu fuq nies li deħlin fuq gżira kemm b'mod legali u anke b'mod illegali.
Naħseb irid ikollok ftit melh f'moħħok biex tintebaħ li fuq gżejjer żgħar l-immigrazzjoni mhiex xi ħaġa produttiva. Gżira fiha l-limitazzjonijiet, ir-riżorsi u ħiliet partkolari tagħha.
Pajjiż fejn huwa t-tielet l-aktar pajjiż mifqugħ bin-nies fid-dinja u nippretendu li l-ebda persuna ma turi l-ħsibijiet tagħha fuq dan. Id-diversità u li titgħallem minn kulturi differenti fiha s-sabiħ tagħha, anzi jien wieħed li nikkontribwixxi għal dan. Imma jien ma ngħix biss fis-sħab, imma nuri n-naħa realistika tas-soċjetà.
L-Immigrazzjoni f'ammont abbundanti ma tistax issarraf f'xi ġid meta taf li n-nies nattivi qegħdin juru l-frustrazzjoni tagħhom u agħar minn hekk ħadd ma jismagħhom. Mhux talli ma nisimgħuhomx imma nuru ċertu qżież kultant jew anke 'bullying' billi nużaw il-kelma 'razziżmu' fil-konfront tagħhom.
Fil-verità kemm hawn min jaf xi tfisser 'razziżmu' jew inkella jġibilna xi eżempji tal-kelma?
No comments:
Post a Comment