Friday, 19 April 2013

L-Ewropa trid 'bailout'.


L-ċirku vizzjuż minn pajjiż għal ieħor Ewropew li jrid għajnuna finanzjarja ġie fenomenu komuni ħafna. Mill-Portugall sa Ċipru, mill-Italja sal-Irlanda u xi kultant nismgħu wkoll fuq l-Islovenja, il-Lussemburgu u Franza.
Jekk dan l-effett vizzjuż se jibqa’ hemm ma nieħu xejn kbir li xi darba l-UE kollha tkun trid dan il-‘bailout’. Ovvjament kollox finanzjat mill-Ġermanja.

Iċ-ċittadini Ewropej m’għandhomx għalxiex jiġu kkastigati għall-iżbalji li saru mill-banek u l-gvernijiet irresponsabbli. L-UE mhux qed tipprattika dak li hi stess qiegħda tippriedka. Għandna UE li qiegħda tiffinanzja proġetti għall-ugwaljanza u tippromwovi Ewropa demokratika, iżda fl-istess ħin hi l-UE li toħroġ b’din il-politika inġusta, anti- demokratika u fuq kollox inugwali.

Ma jidhirx li l-għan għal Ewropa federali u maqgħuda qiegħed fil-verità jseħħ. L-ewwel nett kemm l-Ewropa hi eliġibbli li ssir bħal l-istati Uniti tal-Amerika naraha ftit assurda jekk mhux ukoll impossibbli. Hemm temi kulturali, storiċi u antropoloġiċi biex wieħed jidħol f’dan. Imma l-fatt jibqa’ li l-Ewropa iktar riesqa lejn super stat fejn il-poter ikun ċentralizzat f’pajjiż jew reġjun partikolari wieħed.

In-nies tan-naħa t’isfel tal-Ewropa qegħdin iħossu din l-inġustizzja li qiegħda ssir fuqhom. Rajna l-każ riċenti f’ Ċipru fejn il-Ġermanja riedet tiddetta hi kif issir il-politika monetarja, u kif Ċipru toħroġ mill-problemi. Huwa minnu li l-Ġermanja għandha avvanz ekonomiku u teknoloġiku qawwi imma din hi l-Ewropa maqgħuda li rridu nibnu? Waħda b’bażi ta’ kapitaliżmu ekonomiku?

Id-dinamiċità tal-poplu Ewropew, l-istorja u l-identità li sawritu, il-kultura u d-diversità tal-lingwi Ewropej imorru oltre mill-materjaliżmu, l-ekonomija monetarja u fuq kollox l-inġustizzji marbutin ma’ dan kollu.

1 comment: