Ħafna jġibu
l-argument li l-ideoloġija spiċċat. Iżda kemm dan huwa minnu għandi r-riservi
tiegħi. B’ħasra l-politika lokali hija nieqsa mid-direzzjoni ideoloġika u
daħlet f’ċirku vizzjuż għal karba popolari. Bħala pajjiż ma nistgħux naffordjaw
innaqqsu l-ideoloġija, għax m’hemmx ħafna partiti fejn tifrex. Jekk irridu
nibqgħu fil-qasma ta’ żewġ partiti tal-anqas nippretendi li jkonna livell matur
ta’ politika. Lanqas dan mhu qed iseħħ.
Huwa żvilupp li
qegħdin nonqsu sew fih biex inkattru l-kultura tal-ideat politiċi. Nagħtu ħarsa
x’qiegħed jiġri fl-Ewropa mhu veru xejn li l-ideoloġija spiċċat. Il-Partiti fuq
livell Ewropew dejjem qed ikattru l-ideat u ħabba f’hekk qegħdin jinħolqu
fazzjonijiet differenti tal-ideoloġija.
L-ideoloġija mhux
xi qżież biex nidhru intelletwali imma mezz biex tagħtina direzzjoni u għan
konkret. Iż-żewġ partit politiċi ewlenin; Il-Partit Laburista u l-Partit
Nazzjonalista warrbu għal kollox l-ideolġija u qegħdin jersqu viċin xulxin.
Jekk dan jiġi mqabbel mal-kumplament tal-Ewropa ma fih xejn straordinarju għax il-Partiti
ewlenin dejjem qed jersqu lejn iċ-ċentru. Iżda b’differenza mal-Ewropa, f’
Malta għandna vacuum qawwi ta’ partiti u diversità politika. Li qed jiġri hu li l-partiti
f’ pajjiżna spiċċaw żewġ forzi ta’ pika u t-timbru x’jagħmel wieħed ‘Laburist’
u ‘Nazzjonalist’ huwa biss duħħan li ma jfisser xejn, għajr li tkun parti minn
grupp ta’ nies li qiegħed f’pika mal-partit tan-naħa l-oħra.
Jekk nagħtu ħarsa
l-elezzjonijiet ta’ dawn l-aħħar erbgħin sena (1971-2013) evidentiment naraw
in-nuqqas ta’ diversità u l-pluraliżmu politiku. Għaliex?
Bażikament,
il-medja f’ Malta hi li gvern jinbidel darba kull għaxar snin.
·
1971 sal-1987- Partit Laburista
·
1987 sal-1996- Partit Nazzjonalista
·
1996 sal-1998- Partit Laburista
·
1998 sal-2013- Partit Nazzjonalista
·
2013 – Partit Laburista.
Jekk bidla
qiegħda sseħħ darba kull għaxar snin, b’maġġoranżi kbar fil-Parlament (kif
għandna issa), u l-ebda vuċi oħra ma tidħol fil-parlament ilna nilagħbu logħba
kerha fid-demokrazija tagħna għal diversi snin. Inqasna sew milli noħolqu
politika ta’ djalogu, politika ta’ kunsens u t’ għaqda, u agħar minn hekk
kissirna l-iżvilupp tal-ideoloġija politika. B’dispjaċir ngħid li dan
l-argument li “l-ideoloġija spiċċat” Malta biss nisimgħu, u mkien f’madwar
l-Ewropa u saħansitra xi rokna oħra fid-dinja ma jindika li dan hu minnu.
Is-sejħa ta’
moviment ta’ Joseph Muscat tinstema sabiħa iżda dan mhu xejn ġdid. F’ Malta
kull min rebaħ elezzjoni dejjem kien hemm xi forma ta’ moviment. Iżda jekk
bl-iskuża tal-moviment irridu nkissru l-ideat u d-diversità t’ideat li suppost
qegħdin inkattru nkunu qegħdin nidħku bina nfusna. L-għaqda hi sabiħa imma trid
tkun mibnija fuq valuri ta’ solidarjetà u rikonċiljazzjoni u mhux fuq l-ideat
differenti.
Apparti dan il-Partit
Nazzjonalista donnu jrid jagħmel minn kollox biex isir kopja tal-Partit
Laburista u flok jara kif għandu jkun differenti u li joffri alternattiva b’differenza, se jaqbad mal-punti b’saħħithom tal-Partit Laburista u se jibni fuqhom. Jekk
l-għajta għal-liberaliżmu hi popolari, il-PN għandu jara kif joħloq
alternattiva għal dan il-liberaliżmu sfrenat, u mhux isir liberali hu. Din hi prova ċara li nqasna sew fl-ideoloġija politika, u l-klassi Politika saret biss
fazzjoni ta’ nies mibnija fuq pika, nuqqas ta’ analiżi u qed ikomplu jiżirgħu
żerriegħa li eventwalment se tikber f’siġra li tagħti l-frott tagħha
fit-tribaliżmu.
L-Alternattiva
Demokratika ħobbhom jew obgħodhom imma tal-inqas żammew mal-prinċipji tagħhom. Żammew
mal-konsistenza politika, ta’ direzzjoni u t’ għan komuni. Mingħajr biża esprimew
ruħhom ,anke fi kwistjonijiet li għadhom taboo u ta' dan kollu għandhom jieħdu
l-mertu.